Fl-aħħar jiem t’Ottubru 2017 l-Università ta’ Malta ospitat Taħriġ Nazzjonali għal-Għalliem ta’ jumejn fil-qafas tal-proġett MOV-Up fil-kampus tal-Belt Valletta. It-taħriġ infetaħ minn Prof Carmel Cefai mill-Università ta’ Malta li ppreżenta l-għanijiet u l-iskop tat-taħriġ. Prof Valerie Sollars, mill-Università ta’ Malta tkellmet dwar “Il-ħolqien t’ambjenti pożittivi ta’ tagħlim għall-iżvilupp soċjali u emozzjonali tat-tfal”. L-ewwel ġurnata tat-taħriġ inkludiet ukoll il-preżentazzjonijiet ta’ Dr Maria Ampartzaki mill-Università ta’ Kreta (Greċja) dwar “Tagħlim storiku u tagħlim ibbażat fuq l-inkjesta bħala mezz għall-iżvilupp tal-intelliġenza emozzjonali” u Prof Paula de Waal, Fondazzjoni Collodi (Italja) bit- taħriġ dwar “Approċċi ta’ Stejjer li jippromwovu l-Valurizzazzjoni tad-Differenzi”.

It-tieni jum tat-taħriġ kompla bil-workshop ta’ Renata Jankeviciene u Jurgita Vaitiekuniene miċ-Ċentru ta’ l-Edukazzjoni Distrettwali ta’ Panevėžys (Litwanja) dwar “L-importanza tal-logħob u l-esperimenti fin-natura fl-iżvilupp tal-intelliġenza emozzjonali” filwaqt li Zuhal Yılmaz Doğan u Ebru Üntürk minn Doga Schools, Istanbul (Turkija) ippreżentaw eżempji prattiċi għal “L-edukazzjoni emozzjonali fil-klassijiet STEM”. Il-programm ġie konkluż bil-kontribuzzjoni minn Iglika Angelova (ICCF, Bulgarija) dwar “L-aċċelerazzjoni tal-formazzjoni tal-valuri tat-tfal f’ambjent ta’ tagħlim” u workshop introduttorju dwar “L-Implimentazzjoni ta’ kurrikulu ta’ reżiljenza fl-edukazzjoni bikrija” minn Prof Carmel Cefai (L-Universita ta’ Malta).